News

L-MUT Tassew Qed Tmiss Il-Qiegħ

L-MUT tassew qed tmiss il-qiegħ. L-MUT b’qerq iddikjarat li d-direttivi tal-UPE huma illegali. Dan jixhed il-paniku li tisnab fih it-tmexxija tal-MUT minħabba l-emoraġija ta’ membri li qegħdin jesperjenzaw ta’ kuljum mit-twaqqif tal-UPE, partikularment f’dan il-perjodu. Mhux biss, imma l-qerq tal-MUT juri ukoll in-nuqqas gravi ta’ tagħrif tal-liġijiet industrijali. 

Bid-dikjarazzjonijiet tagħha stess, l-MUT qed turi li għandha xi ħaġa ħażina ġewwa fiha meta minnflok taħdem biex iżżid id-drittijiet tal-edukaturi, qed tasal tagħżel li tqarraq bl-edukaturi biex tkun ta’ forċina għal sħabhom tad-dipartiment u jimminaw azzjonijiet industrijali leġittimi u legali, maħsuba biex l-edukaturi ma jibqgħux jiġu abbużati mid-dipartiment. Fl-istess waqt qed tipprova bla suċċess, iċċaħħad lill-edukaturi mid-dritt sagrosant li jagħżlu ma’ liema unjin jissieħbu. Meta tara dan kollu ma tiskantax kif l-MUT qed tixxotta mill-membri li jħallsu l-membership magħhom, turija lampanti li l-fiduċja tal-edukaturi fl-MUT qed tispiċċa ma’ kull jum li jgħaddi.

Id-direttivi tagħna huma legalissimi. Il-UPE tisfida apertament lit-tmexxija tal-MUT tissostanzja l-allegazzjonijiet qarrieqa li għamlu quddiem il-liġi.  Sadanittant, aħna nisħqu li l-membri kollha tal-UPE għandhom isegwu d-direttivi li qed noħorġu bħala unjin għall-ġid tal-membri bla biża’. 

Aħna nassiguraw lill-membri kollha tal-UPE:  

  1. Li l-membri kollha tagħna li jsegwu d-direttivi leġittimi tagħna, huma protetti mill-liġi industrijali. 
  1. Nassiguraw lill-membri kollha tagħna li ħa jkunu protetti mill-Unjin kontra kull min jipprova jmisshom, hu min hu. 
  1. Li aħna ħa nkomplu niddefendu lill-edukaturi kollha bid-direttivi u dak kollu li tatina l-liġi, sabiex inkomplu nkunu l-Unjin li vera tistinka, taħdem u fejn hemm bżonn ma tiddejjaqx tiġġieled għall-edukaturi kollha.