News

L-MUT u D-Dipartiment tal-Edukazzjoni f’konfoffa ta’ qerq kontra l-UPE u l-Edukaturi

L-MUT tassew qed tmiss il-qiegħ. L-MUT f’konfoffa infami flimkien mad-dipartiment tal-edukazzjoni biex timmina lil-LSEs u tgħin lid-dipartiment ikompli jċaħħad lil-LSEs milli jieħdu dak li ħaqqhom.

Hi pastażata li “unjin” li suppost tiddefendi lill-ħaddiema u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Taħriġ immexxi minn Ministru Bartolo li jħobb ipinġi lilu nnifsu bħala “soċjalist” jikkonfoffaw flimkien kontra l-edukaturi li kull ma jridu hu li ma jibqgħux jiġu abbużati mill-ministru u l-ministeru tiegħu. 

Illum li l-MUT qegħda titlef l-appoġġ tal-edukaturi kull jum li jgħaddi, biex tipprova żżomm il-privileġġi tagħha, it-triq li għażlet hi li tiġbed għad-dipartiment u mhux għall-edukaturi biex imbagħad id-dipartiment jgħinha biex iżżomm il-privileġġi tagħha fid-dawl li l-UPE qed tikber bis-sigħat.

Biex iwaqqfu lill-UPE milli tassew tiddefendi lill-edukaturi, l-MUT saħqet il-falz meta qalet li d-direttivi tal-UPE huma illegali. Il-Ministeru ta’ Bartolo qed jgħin din il-gidba li tixxerred fl-iskejjel. B’ordnijiet diretti il-Ministeru l-School Managment Team (SMT) qed juri ċirkolari b’dan il-gideb lill-edukaturi kollha fl-iskola tagħhom u jġegħluhom jiffirmaw li qrawha.

Kemm il-Ministeru kif ukoll l-alleati tagħhom l-MUT jafu li dan hu biss qerq u li l-UPE għandha kull dritt u bħala Unjin responsabbli d-dmir li tiddefendi lill-edukaturi b’direttivi u b’dak kollu li jagħti l-liġi lil unjin reġistrata.

Il-UPE tisħaq li mhux se tiġi intimidati u li mhux ħa tħalli lil ħadd jintimidaw jew iqarraq bil-membri tagħha. Il-UPE b’vuċi l-aktar soda tibqa’ issostni li ħa tkompli tiddefendi lill-edukaturi kontra din l-alleanza ta’ konvenjenza bejn l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Il-UPE ħareġ id-direttivi li ħarġet għax LSE2s ilhom sentejn jitħallsu inqas minn kollegi tagħhom li ilhom fil-grad inqas minnhom, għax id-dipartiment ilu jħallas sagħtejn għal kull tlett sigħat li jaħdmu l-edukaturi fit-transport supervision u mhux b’kapriċċ. Kieku l-MUT kienet unjin serja kienet tappoġġa lill-UPE u mhux titwaħħad mad-dipartiment li qed jabbuża mill-edukaturi.

Id-direttivi tagħna huma legalissimi. Il-UPE tisfida apertament lit-tmexxija tal-MUT tissostanzja l-allegazzjonijiet qarrieqa li għamlu quddiem il-liġi. Sadanittant, aħna nisħqu li l-membri kollha tal-UPE għandhom isegwu d-direttivi li qed noħorġu bħala unjin għall-ġid tal-membri bla biża’. Aħna nassiguraw lill-membri kollha tal-UPE:  1. Li l-membri kollha tagħna li jsegwu d-direttivi leġittimi tagħna, huma protetti mill-liġi industrijali. 2. nassiguraw lill-membri kollha tagħna li ħa jkunu protetti mill-Unjin kontra kull min jipprova jmisshom, hu min hu. 3. Li aħna ħa nkomplu niddefendu lill-edukaturi kollha bid-direttivi u dak kollu li tagħtina l-liġi, sabiex inkomplu nkunu l-Unjin li vera tistinka, taħdem u fejn hemm bżonn ma tiddejjaqx tiġġieled għall-edukaturi kollha.