News

L-MUT u l-MEDE, estensjoni tal-konfużjoni – Il-UPE s-soluzzjoni.


Għaliex l-edukazzjoni f’pajjiżna qiegħda fl-istat diżastruż li tinsab fih illum?

Ninsabu fejn ninsabu, għax id-dipartiment tal-edukazzjoni ma jafx assolutament x’inhu jagħmel, x’hemm bżonn isir u għax dik li qabel kienet il-vuċi tal-għalliema, l-MUT illum spiċċat assorbita mid-dipartiment u mill-konfużjoni ta’ min qed imexxi dan id-dipartiment.

Eżempju ċar hu l-ftehim settorali, li filwaqt li l-edukaturi fil-maġġoranza assoluta tagħhom iqisuh bħala diżastruż, għall-MUT u l-MEDE kien wieħed storiku. Ftehim settorali li mar kontra l-intenzjonijiet u l-wegħdiet li l-gvern kellu għall-edukaturi. Minkejja li l-gvern wiegħed li r-rwol tal-edukatur kellu jkun li jeduka, u li kellhom jitneħħew il-paper work u l-burokrazija żejda, d-dipartiment tal-edukazzjoni bil-kompliċità tal-MUT, fena lill-għalliema bl-LOFs. Filwaqt li l-gvern assigura lill-ġenituri li ħa jaħdem sabiex l-istudenti fil-bżonn ikollhom is-servizz tal-LSE estiż, id-dipartiment flimkien mal-MUT iffirmaw sabiex is-servizz tal-LSE kif konna nafuh jitnaqqar minn din is-sena fil-Kinder 1. Kien bl-intervent għaqli u deċiż tal-UPE li taffa l-effetti ħżiena li dan il-ftehim kien se jġib.

L-effetti u l-kompliċità tad-dipartiment tal-edukazzjoni, il-MEDE u l-MUT wasslet liż-żgħażagħ tagħna jibqgħu lura milli jaqbdu l-professjonijiet tal-edukaturi. Is-soluzzjonijiet huma ċari biex insolvu din il-problema u problemi oħrajn li qed jifnu lill-edukaturi u lis-sistema edukattiva. Minflok, tad-dipartiment qiegħdin ipoġġu bilqiegħda flimkien ma’ sħabhom tal-MUT biex jaraw kif ħa jbellgħu lill-poplu u lill-edukaturi li s-soluzzjoni hi li jġibu edukaturi minn barra l-Ewropa bil-kondizzjonijiet ta’ supplies.

Hemm bżonn li lkoll nagħmlu evalwazzjoni tal-ħidma bażwija ta’ min qed imexxi d-dipartiment tal-edukazzjoni u ta’ ħidmet l-MUT, li t-tnejn flimkien kissru lill-edukaturi u lis-sistema edukattiva.

Illum hu ċar kristall li l-MUT mhix unjin tal-edukaturi iżda biss estenzjoni tad-dipartiment ta’ konfużjoni tal-edukazzjoni. Uliedna u l-edukaturi jixirqilhom ħafna aħjar.

Ma fadal l-ebda dubju li l-UPE hi l-unika għażla u l-unjin naturali tal-edukaturi u li illum l-MUT hi biss estenzjoni tad-dipartiment tal-edukazzjoni. L-MUT u l-MEDE huma sempliċament estensjoni tal-konfużjoni ta’ xulxin.