News

Sitwazzjoni Assurda – L-MUT tikxef idejha ma’ min qiegħda

L-MUT twaqqa’ l-maskra u tikxef idejha għal min verament qegħda taħdem. Fil-ġimgħa li għaddiet biex tagħti palata lid-dipartiment, l-MUT ħarġet allegazzjonijiet qarrieqa fuq il-legalità tad-direttivi ġusti li ħarġet il-UPE. Bil-kompliċità ta’ sħab l-MUT (id-dipartiment), dan il-qerq ġie ċirkolat fl-iskejjel u saħansitra fuq iLearn.

Tajjeb infakkru li l-UPE ħarġet dawn id-direttivi biex tħares lil-LSEs li qed jiġu abbużati mid-dipartiment. Il-UPE qegħda tagħti dawn id-direttivi lill-membri tagħha sabiex l-LSE2s li ilhom ibatu minn paga inqas sentejn, jieħdu dak li hu dovut lilhom, biex dawk l-edukaturi li qed jaħdmu t-transport duties u mhux jitħallsu tal-ħin kollu li qed jaħdmu, jitħallsu tal-ħin kollu li jaħdmu u sabiex dawk li jaħdmu t-trasport duties fiċ-Ċentri ta’ Riżorsi u fil-mainstream ikollhom id-dokumentazzjoni uffiċjali fejn jiddetermina r-ratios fuq it-trasport.

L-MUT li suppost hi unjin, minflok għenet lill-UPE u ħadet in-naħa tal-LSEs, twaħħdet mad-dipartiment u qed tagħmillu xogħlu.

Illum l-MUT waslet saħansitra tagħmel protest ġudizzjarju sabiex twaqqaf lill-UPE milli tiddefendi lil-LSEs

Il-UPE hi unjin reġistrata (RTU No 309) bid-drittijiet kollha li dan iġib miegħu. Nassigurawkom li l-UPE mhux se tieqaf anzi, ħa tkompli tiddefendi lill-għalliema, ‘l-LSEs u ‘l-KGEs kull meta jkollhom bżonn kontra dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iweġġgħu lill-edukaturi.